Artiklu 1 Natura
1.1 Il-“Komunjoni Komunitajiet u Gruppi ta’ Tiġdid Karimatiku Kattoliku”
(minn issa ’l hemm tissejjaħ “il-Komunjoni”) hija mwaqqfa fl-Arċidjoċesi ta’
Malta bħala Assoċjazzjoni Privata tal-Fidili.
1.2 Il-Komunjoni hija
ffurmata minn gruppi u komunitajiet fuq livell parrokkjali jew djoċesan, li
jieħdu l-ispirazzjoni tagħhom mill-Moviment għat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku u
li huma impenjati li jżommu ma’ l-għanijiet u l-ħidmiet tal-Komunjoni.
Artiklu 2
Għanijiet
2.1 Il-Komunjoni hija l-organu ewlieni biex
i.
tippromwovi u tħares it-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku fil-Knisja f’Malta,
skond l-għanijiet tiegħu kif imfissra f’paragrfu B, hawn fuq;
ii.
iġġib ’il quddiem, tiżviluppa u tikkoordina t-taħriġ u l-ħidma tal-gruppi
u l-komunitajiet affiljati magħha.
2.2 Hija tgħin lill-gruppi u lill-komunitajiet biex il-membri tagħhom:-
iii.
jagħrfu, jħobbu u jservu lil Alla permezz ta’ relazzjoni personali
mal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja Kattolika,
iv.
jieħdu sehem attiv fis-sejħa evanġelika tal-Knisja Kattolika, kemm
f'Malta kif ukoll fi bnadi oħra
v.
tgħinhom iħaddnu esperjenza personali ta’ Pentekoste permezz ta’
l-elementi ewlenin tat-Tiġdid Kariżmatiku, jiġifieri li:-
q
jaċċettaw lil
Ġesù bħala l-Mulej u s-Salvatur personali tagħhom
q
jitgħammdu fl-Ispirtu
s-Santu
q
jilqgħu u jħaddmu
d-doni kariżmatiċi
q
jikbru
fil-frott ta’ l-Ispirtu
q
jiżviluppaw
ħajja ta’ qdusija f'kuntest sagramentali Kattoliku ta’ fidi, tama u mħabba
q
ikunu xhieda
ta’ Ġesù Kristu permezz tax-xhieda personali u opri ta’ ħniena u ġustizzja
2.3 Hija
għandha:-
i.
tmexxi ’l quddiem l-għarfien tat-Tiġdid Kariżmatiku fil-Knisja Kattolika
ii.
tħares u tipproteġi l-valuri tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku
iii.
toħloq networking, torganizza tagħlim, tħarreġ mexxejja, u tagħti
inkoraġġiment lill-gruppi u lill-komunitajiet affiljati
iv.
toħloq u żżomm relazzjonijiet tajbin ma’ l-Awtoritajiet tal-Knisja
f’Malta, kemm fuq livell djoċesan kif ukoll fuq dak parrokkjali
v.
tippromwovi relazzjoni u taħdem ma’għaqdiet u movimenti oħra Kattoliċi
li qed iservu l-missjoni tal-Knisja f’Malta
vi.
tagħti sehem f'attivitajiet ekumeniċi skond il-prinċipji Kattoliċi ta’
l-Ekumeniżmu
vii.
isservi lis-soċjetà
Maltija, billi tkun raġġ ta’ dawl, waqt li tagħti xhieda għall-veritajiet u
l-valuri ta’ l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, u li tixhed għal dawn l-istess
veritajiet u valuri pubblikament
viii.
iżżomm relazzjoni ta’ koperazzjoni ma’ l-Uffiċċju Internazzjonali
tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku f’Ruma (ICCRS).
Artiklu 3 Membri
3.1
Il-Komunjoni hija magħmula minn gruppi u komunitajiet ta’ Tiġdid Kariżmatiku
f’Malta.
3.2 Huma membri tal-Komunjoni dawk il-gruppi u Komunitajiet li:-
i.
fid-data ta’ l-approvazzjoni ta’ dan l-istatut jiffurmaw din
il-Komunjoni, jew
ii.
iħaddnu l-viżjoni, l-ideali u l-għanijiet tal-Komunjoni u li jkunu ressqu
applikazzjoni bil-miktub u li ġew approvati min-National Service Committee.
3.3 In-National Service Committee, qabel jaċċetta grupp jew komunità
fil-Komunjoni, għandu jagħti żmien ta’ prova li matulu jimxu mill-qrib mal-grupp
jew komunità li tkun ressqet it-talba.
Artiklu 4
Assemblea tal-Mexxejja
4.1 Il-membri ta’ l-Asssemblea tal-mexxejja huma:-
i.
il-membri tal-N.S.C.
ii.
il-mexxejja tal-gruppi u tal-komunitajiet membri tal-komunjoni.
4.2 Kull sena, fix-xahar ta’ Frar, għandha tissejjaħ l-Assemblea Annwali
tal-Mexxejja bl-iskop li:-
i.
jingħata rapport pastorali u amministrattiv tas-sena l-imgħoddija
mill-Koordinatur Nazzjonali, u jkun sottopost għall-approvazzjoni ta’
l-Assemblea
ii.
jingħata rapport finanzjarju mit-teżorier u jkun sottopost
għall-approvazzjoni ta’ l-Assemblea
iii.
teliġġi l-Koordinatur Nazzjonali meta jkun il-każ
iv.
jimtlew b’elezzjoni l-postijiet vakanti fin-National Service Committee.
v.
jittressqu mozzjonijet u emendi għall-istatut, meta jinħass il-bżonn.
4.3 Għandha
ssir laqgħa ordinarja ta’ l-Assemblea tal-Mexxejja ta’ l-inqas darba kull
tliet xhur.
4.4 Laqgħa Straordinarja ta’ l-Assemblea tal-Mexxejja tista’ tissejjaħ:
i.
min-National Service Committee
ii.
mhux aktar tard minn 15-il ġuranta wara talba bil-miktub minn mhux inqas
minn 20% tal-mexxejja membri li jridu jindikaw b’mod ċar ir-raġuni tat-talba
tagħhom.
4.5
L-Agenda trid tintbagħat:
i.
għall-Assemblea Annwali mhux anqas minn tliet ġimgħat qabel
ii.
għal-Laqgħa Ordinarja u Straordinarja mhux anqas minn tmint ijiem qabel.
4.6 Il-mozzjonijiet u l-emendi għall-istatut iffirmati minn proponent u
sekondant, għandhom jaslu għand is-segretarju tan-National Service Committe mhux
aktar tard minn 15-il ġurnata qabel il-laqgħa Annwali.
4.7 Meta
l-mexxej, għal raġuni meqjusa minnu bħala serja ma jkunx jista’ jattendi
għall-Assemblea tal-mexxejja, għandu jibgħat membru, bid-dritt għall-vot,
minfloku.
4.8 Jekk mexxej ta’ grupp/komunità
ma jattendix għal tliet
laqgħat wara xulxin ta’ l-Assemblea, in-National Service Committee għandu
jistabbilixxi kuntatt mal-mexxej u l-grupp ta’ persuni li jgħinuh, biex tinstab
soluzzjoni għall-ġid ta’ l-istess grupp/komunità
u tal-Komunjoni.
4.9 Jekk
grupp jew komunità
ma jkunux irrappreżentati għal tliet laqgħat wara xulxin ta’ l-Assemblea,
jitilfu d-dritt tal-vot fl-Assemblea Ġenerali li jkun imiss.
4.10
In-National Service Committee jista’ jistieden persuni mhux membri, minħabba
l-kompetenza tagħhom, biex jieħdu sehem fl-Assemblea mingħajr id-dritt tal-vot.
4.11
Fl-Assemblea Annwali u fil-laqgħa Straordinarja, biex tibda l-laqgħa, il-kworum
huwa ta’ terz tal-membri li għandom id-dritt jattendu u jivvutaw. Fil-każ li sa
nofs siegħa mill-ħin avżat għall-bidu tal-laqgħa ma jintlaħaqx il-kworum,
il-Koordinatur Nazzjonali jaġġorna l-laqgħa għal mhux aktar tard minn tmint
ijiem wara. Il-laqgħa li tkun ġiet aġġornata tibda fil-ħin avżat bil-membri preżenti u
bl-istess agenda.
Artiklu 5 National Service
Committee.
5.1
It-tmexxija tal-Komunjoni hija fdata f’idejn in-National Service Committee li
għandu dawn il-kompetenzi u l-ħidmiet :-
5.1.1
li jkabbar il-viżjoni, l-ideali u l-għanijiet tal-Komunjoni
5.1.2
li jorganizza u jwettaq dak kollu meħtieġ biex jintlaħqu l-viżjoni,
l-ideali u l-għanijiet tal-Komunjoni
5.1.3
li jaċċetta jew jirrifjuta gruppi jew komunitajiet fi ħdan il-Komunjoni
wara li jkunu ppreżentaw applikazzjoni bil-miktub.
5.1.4
li jħares u jassigura illi l-membri tal-Komunjoni jikkonformaw
mal-viżjoni, l-ideali u l-għanijiet ta’ l-istess Komunjoni.
5.1.5
li jiddetermina r-relazzjoni tal-Komunjoni ma’ gruppi jew Komunitajiet li
mhumiex membri tal-Komunjoni.
5.2 In-National Service Committee jkun kompost minn Koordinatur Nazzjonali,
Viċi-Koordinatur Nazzjonali, Segretarju, Teżorier, u ħames membri.
5.3 Il-membri
tan-National Service Committee jiġu eletti mill-Assemblea tal-mexxejja minn fost
il-membri ta’ l-istess gruppi u komunitajiet affiljati mal-Komunjoni. Għal din
il-kariga jistgħu jkunu nnominati persuni li jkunu ilhom f’rabta mal-Komunjoni
permezz ta’ gruppi jew komunitajiet, mhux anqas minn total ta’ ħames snin
fl-aħħar seba’ snin.
5.4 Il-membri tan-National Service Committee jkunu eletti għall-perjodu ta’
tliet snin. Membru ma jistax ikun elett għal iżjed minn tliet perjodi
konsekuttivi.
5.5 Sabiex ikun hemm kontinwità, kull sena fl-Assemblea tal-Mexxejja ssir
elezzjoni għal tliet membri tan-National Service Committee
5.6 Fis-sena fejn jinħatar il-Koordinatur Nazzjonali, l-elezzjoni tkun
għall-Koordinatur Nazzjonali u żewġ membri oħra.
5.7 Il-membri, minbarra l-Koordinatur Nazzjonali, ikunu eletti b’maġġoranza
relattiva tal-voti tal-membri preżenti għal-laqgħa.
5.8 Fl-ewwel laqgħa tan-National Service Committee wara l-għażla tagħhom,
jitqassmu l-karigi (barra dik ta’ Koordinatur Nazzjonali) fost il-membri eletti.
5.9 F’każ li membru,
li mhux il-Koordinatur Nazzjonali, ma jibqax membru, dan jiġi sostitwit
mill-persuna li tkun spiċċat bl-akbar numru ta’ voti wara l-membri eletti
fl-aħħar elezzjoni. Jekk ma jkun hemm ħadd eleġibbli, l-N.S.C. jaħtar sostitut.
5.10
In-National Service Committee għandu jiltaqa’ ta’ l-inqas darba kull tliet xhur.
5.11
Il-Koordinatur Nazzjonali għandu jsejjaħ laqgħa tan-National Service Committee
fi żmien tmint ijiem wara talba bil-miktub minn mhux anqas minn terz tal-membri
tan-National Service Committee, li jridu jindikaw b’mod ċar ir-raġuni tat-talba
tagħhom.
5.12 Il-kworum għall-bidu tal-laqgħa huwa ta’ erba’ membri.
Artiklu 6
Il-Koordinatur Nazzjonali.
6.1 Il-Koordinatur
Nazzjonali għandu dejjem ikun lajk u għandu jkun magħżul mill-Assemblea
tal-Mexxejja.
6.2 Mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ l-Assemblea Annwali
tal-Mexxejja fejn tkun ser issir il-ħatra tal-Koordinatur Nazzjonali,
in-National Service Committee għandu jinforma lill-gruppi u lill-komunitajiet
biex jibdew proċess ta’ dixxerniment.
6.3 Kull nominazzjoni għal din il-ħatra għandha:-
i.
issir fuq formola maħruġa apposta min-National Service Committee
ii.
issir u tiġi ssekondata minn mexxejja tal-gruppi u tal-komunitajiet
iii.
tintbagħat lin-National Service Committee mhux anqas minn tliet ġimgħat
qabel l-Assemblea Annwali tal-Mexxejja
iv.
fi żmien jumejn mid-data li n-National Service Committee jirċievi nomina,
il-Koordinatur Nazzjonali għandu jagħmel kuntatt mal-persuna nominata biex
jikkonferma li n-nomina ġiet aċċettata.
v.
f’każ li l-persuna nominata ma taċċettax din in-nomina, il-persuna li
għamlet in-nomina u dik li ssekondat, għandhom jiġu infurmati immedjatament u
jingħataw id-dritt li jerġgħu jagħmlu nomina ġdida.
6.4 Il-Koordinatur Nazzjonali għandu jkun elett:-
i.
B’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti għal-laqgħa u li huma
eleġibbli biex jivvutaw.
ii.
F’każ li l-maġġoranza ta’ żewġ terzi ma tintlaħaqx fl-ewwel żewġ
skrutinji, fit-tielet skrutinju tkun biżżejjed maġġoranza assoluta.
iii.
F’każ li fit-tielet skrutinju ma tintlaħaqx il-maġġoranza assoluta,
mir-raba’ skrutinju ’l quddiem, kull darba jiġi eliminat dak li jkollu l-inqas
numru ta’ voti fl-aħħar skrutinju li jkun ittieħed, sakemm tintlaħaq
il-maġġoranza assoluta tal-membri preżenti għal-laqgħa u li huma eleġibbli biex
jivvutaw.
6.5 F’każ li
l-uffiċċju tal-Koordinatur Nazzjonali għal xi raġuni jiġi battâl,
ir-responsabbiltà għandha tgħaddi f’idejn il-viċi Koordinatur Nazzjonali, li fi
żmien erba’ xhur għandu jsejjaħ elezzjoni biex jimtela l-post battâl.
6.6 Il-Koordinatur
Nazzjonali għandu d-dmir li:-
i.
ilaqqa’ u jippresiedi n-National Service Committee
ii.
jara li d-direttivi u d-deċiżjonijiet meħuda min-National Service
Committee jkunu mwettqa
iii.
janima u jikkoordina l-attivitajiet kollha tal-Komunjoni
iv.
iwaqqaf u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-gruppi u l-komunitajiet, u
bejn dawn u n-National Service Committee
v.
iħares u jmexxi ’l quddiem il-ħidma taċ-Ċentru tal-Komunjoni
vi.
jagħmel dak kollu meħtieġ fit-tmexxija ordinarja, biex jintlaħħqu
l-viżjoni, l-ideali u l-għanijiet tal-Komunjoni.
6.7 Il-Koordinatur
Nazzjonali jkollu rappreżentanza ġuridika tal-Komunjoni.
Artiklu 7 Mexxej
ta’ gruppi jew Komunitajiet.
7.1 Huma meqjusa bħala
mexxejja ta’ gruppi/komunitajiet dawk il-persuni li:
i.
fid-data ta’ l-approvazzjoni ta’ dan l-istatut diġa jagħmlu parti mill-
Assemblea tal-Mexxejja, jew
ii.
ikunu
qed iservu ta’ mexxejja fi grupp/komunita’ waqt il-proċess ta’ sħubija, u wara
li l-grupp/komunita’ jkun ġie aċċettat skond artiklu 3.1§ii u 3.2.
7.2 Salv għal dak li
huwa regolat bi statuti jew regolamenti interni ta’ gruppi/komunitajiet
individwali;
i.
il-kariga ta’ mexxej tkun għall-perjodu ta’ mhux anqas minn tliet (3)
snin u mhux aktar minn erba’ (4) snin.
ii.
L-għadd tas-snin għal din il-ħatra jibda jgħodd, jew;
a. mid-data ta’ l-approvazzjoni ta’ dan l-istatut, jew;
b. mid-data ta’ tisħib fil-komunjoni, jew;
c. mid-data tal-ħatra fil-kariga ta’ mexxej.
Skond liema data tiġi l-aħħar.
iii.
Mexxej li għalaqlu ż-żmien tal-ħatra, jibqa’ eleġibli għall-kariga
għall-numru indefinit ta’ perjodi konsekuttivi, skond ir-rieda ta’ Alla kif
tidher fid-dixxerniment komunitarju.
iv.
Qabel
jagħlaq iż-żmien tal-ħatra, u skond iż-żmien miftiehem minn qabel mal-mexxej
kurrenti, in-National Service Committee għandu jaħtar persuna minn ħdanu, jew
persuna oħra li tgawdi l-fiduċja tal-partijiet konċernati, biex tgħin jew
tmexxi lill-grupp/komunità, skond ix-xewqa u l-bżonn ta’ l-istess
grupp/komunità, fi proċess ta’ dixxerniment komunitarju.
7.3 Huma eleġibbli
biex jokkupaw il-kariga ta’ mexxej fi grupp/komunità, dawk li jew:
i.
kienu diġà qdew ’l-grupp/ komunità f’din il-kariga, jew;
ii.
a. ikunu għaddew minn esperjenza personali ta’ tiġdid fl-Ispirtu (ara
Preambolu A2 u C2);
b. iżommu għall-qalbhom u bis-sħiħ, l-għanijiet tal-Komunjoni kif
stabiliti f’artiklu 2.2;
c. ikunu ilhom f’rabta mal-Komunjoni permezz ta’ gruppi jew komunitajiet
għal mhux anqas minn tliet (3) snin;
d. ikunu wrew impenn u dedikazzjoni fil-ħidma u fil-ħajja ġenerali
tal-grupp/komunità li tagħha jagħmlu parti;
e. ikunu wrew interess fil-ħajja ġenerali tal-Komunjoni, fl-attivitajiet u
l-ħidmiet tagħha.
7.4 Il-Mexxej ta’
grupp/komunità għandu d-dmir li,
i.
b’konsultazzjoni man-National Service Committee jifforma Service Team
biex jgħinu fit-tmexxija u l-ħidma tal-grupp/komunità;
ii.
li jlaqqa’ u jippresiedi s-Service Team;
iii.
jikkordina l-attivitajiet kollha tal-grupp/komunità;
iv.
iwaqqaf u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-membri tal-grupp/komunità;
v.
isaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ gruppi/komunitajiet oħra fil-Komunjoni
skond id-direttivi u l-għanijiet kurrenti tal-Komunjoni;
vi.
jattendi għal-laqgħat tal-Assemblea tal-Mexxejja;
vii.
iżomm u jsaħħaħ il-komunikazzjoni man-National Service Committee u
mal-Koordinatur Nazzjonali.
viii.
jagħmel dak kollu meħtieġ biex iżomm mal-viżjoni u l-kariżma
tal-Komunjoni, u;
ix.
jagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex jaqdi l-Knisja f’Malta u l-Komunjoni, skond
il-Kariżma partikolari tal-grupp/komunità.
7.5 Mexxej ta’ grupp/komunità
jista’ jkun imneħħi mill-kariga skond kif inhu stipulat f’artiklu 10 ta’ dan
l-istatut.
Artiklu 8 Konsulent
Spiritwali
8.1
In-National Service Committee għandu jagħżel Konsulent Spiritwali minn fost
is-saċerdoti li jkunu midħla tat-Tiġdid Kariżmatiku u li jkollu
l-konfermazzjoni ta’ l-Arċisqof ta’ Malta.
8.2
Il-Konsulent Spiritwali jkun maħtur għal perijodu ta’ tliet snin, u ma jistax
ikun maħtur għal iżjed minn tliet perijodi konsekuttivi.
8.3 Għandu
jgħin u jara illi t-tagħlim, il-ħajja u l-missjoni sħiħa tal-Komunjoni jkunu
dejjem konformi mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika.
8.4
Il-Konsulent Spiritwali għandu d-dmir u d-dritt li jipparteċipa, mingħajr vot,
fil-laqgħat u fl-attivitajiet kollha tan-National Service Committee,
tal-Komunjoni u fejn jista’, tal-gruppi u komunitajiet.
Artiklu 9 Konferenza Nazzjonali
L-N.S.C. għandu
jsejjaħ Konferenza Nazzjonali ta’ l-anqas darba fis-sena u għaliha għandhom
jattendu l-membri kollha tal-gruppi u l-komunitajiet affiljati.
Artiklu 10 Imġiba
10.1 Fid-dawl
ta’ Artiklu 5.1.4, in-National Service Committee għandu d-dmir u d-dritt li
jieħu passi dixxiplinarji fuq gruppi jew komunitajiet u fuq individwi li
jattendu fi gruppi u komunitajiet membri tal-Komunjoni, li b’xi mod l-imġiba jew
l-aġir tagħhom ma jaqbilx jew qiegħed f’kuntrast mal-għanijiet tal-Komunjoni.
10.2 Għal dan
il-għan in-National Service Committee għandu d-dmir u d-dritt li, skond in-natura
tal-liġi u fi spirtu ta’ mħabba, prudenza u karità,
jieħu passi dixxiplinarji. Dawn jinkludu:-
i.
iwiddeb
ii.
jissospendi minn sħubija għal żmien definit jew indefinit
iii.
jissospendi minn kariga jew ministeru għal żmien definit jew indefinit
iv.
ikeċċi mill-Komunjoni
v.
jieħu passi jew jagħti direttivi oħra li jidhirlu xierqa.
Artiklu 11 Regolamenti
Waqt li
jibqa’ mħares l-Istatut, il-Komunjoni tirregola l-proċeduri tal-laqgħat u
l-ħidmiet tagħha u tista’ wkoll tagħmel regolamenti għal dan l-iskop.
Artiklu 12 Żjidiet u
Emendi
Żjidiet
u emendi għal dan l-istatut jistgħu jsiru mill-Assemblea tal-Mexxejja,
b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, u jidħlu f’effett biss, wara l-approvazzjoni ta’
l-Arċisqof ta’ Malta.
Artiklu 13 Sede
Is-Sede ta’ l-Assoċjazzjoni
tinsab f’43a, St Paul’s Modern Buildings, West Street, Valletta, sakemm ma jiġix
stabbilit mod ieħor mill-N.S.C..
Artiklu 14 Dissoluzzjoni
F’każ li l-Komunjoni
tispiċċa milli teżisti, il-propjetà
kollha tagħha għandha tgħaddi f’idejn l-Arċisqof ta’ Malta biex jgħaddiha
lill-Assoċjazzjonijiet li għandhom fini li tixbah lil dik tal-Komunjoni.